Iċ-Ċirku Vaġinali
X'inhu?
Iċ-ċirku vaġinali huwa ċirku tal-pastik abjad u flessibbli, li jiddaħħal fil-vaġina kull xahar. Fih żewġ ormoni - estroġenu u proġroġenu - li jipprevjenu l-ovulazzjoni u għalhekk jipprevjenu t-tqala. Huwa madwar 99% effettiv kontra t-tqala jekk jintuża kif suppost.
Kif jintuża?
Il-mara ddaħħal ċirku vaġinali wieħed fil-vaġina tagħha kull xahar.
Iċ-ċirku huwa artab u flessibbli, u għalhekk jista' jkun iċċattjat u mdaħħal faċilment mill-fetħa tal-vaġina. Għandu jiddaħħal sew u 'il ġewwa, u m'għandux jinħass skomdu ladarba jkun f'postu. Iċ-ċirku jitneħħa wara 21 jum, u wara 7 ijiem jiddaħħal ċirku ġdid. Tista tara d-demm, bħal period ħafif, waqt is-seba' ġranet mingħajr ċirku. Qis li idejk jkunu nodfa qabel ma ddaħħal jew tneħħi ċ-ċirku.
Kemm jaħdem malajr?
Tista' ddaħħal l-ewwel ċirku tiegħek meta trid matul iċ-ċiklu mestrwali tiegħek. Kun ċerta li mintix tqila qabel iddaħħal iċ-ċirku.
Jekk iddaħħal l-ewwel ċirku tiegħek matul l-ewwel jum tal-period, tkun protetta kontra t-tqala minnufih. Jekk iddaħħal iċ-ċirku fi kwalunkwe ħin ieħor, iċ-ċirku jieħu iktar żmien biex jibda jaħdem u għandek tuża kondoms għal 7 ijiem biex tevita li toħroġ tqila.
X'jiġri jekk ninsa neħħih wara 21 jum?
Jekk ikunu għaddew inqas minn 7 ijiem minn meta suppost neħħejt iċ-ċirku, neħħi ċ-ċirku kemm jista' jkun malajr u agħmel seba' jiem mingħajr ċirku bħas-soltu. Imbagħad daħħal ċirku ġdid. F'dan il-kas tibqa' protetta kontra t-tqala u m'hemmx bżonn tieħu prekawzjonijiet addizzjonali.
Jekk għaddew aktar minn 7 ijiem minn meta suppost neħħejt iċ-ċirku (fi kliem ieħor, iċ-ċirku ilu ġewwa l-vaġina għal aktar minn 28 jum), oħroġ iċ-ċirku malli tiftakar u daħħal ċirku ġdid mill-ewwel. Uża kondoms għall-ewwel 7 ijiem wara li ddaħħal ċirku ġdid. Jekk dan l-aħħar kellek sess mhux protett, ikkunsidra tuża morning after pill.
X'jiġri jekk iċ-ċirku joħroġ?
Huwa possibbli li ċ-ċirku joħroġ waqt is-sess, jew jekk ma ddaħħalx sewwa.
Jekk iċ-ċirku jkun ilu barra għal inqas minn 3 sigħat, laħalħu bl-ilma fietel u daħħlu mill-ġdid kemm jista' jkun malajr. F'dan il-kas tibqa' protetta kontra t-tqala u m'għandekx bżonn tieħu prekawzjonijiet addizzjonali.
Jekk iċ-ċirku jkun ilu barra għal aktar minn 3 sigħat fl-ewwel jew it-tieni ġimgħa, laħalħu b'ilma fietel u daħħlu mill-ġdid kemm jista' jkun malajr. Uża kondoms għas-7 ijiem ta' wara. Jekk dan l-aħħar kellek sess mhux protett, ikkunsidra li tuża morning after pill.
Jekk iċ-ċirku jkun ilu barra għal aktar minn 3 sigħat fit-tielet ġimgħa, armih. Imbagħad jew daħħal ċirku ġdid minnufih, jew agħmel seba' ġranet mingħajr ċirku u mbagħad daħħal ċirku ġdid. Uża kondoms għas-7 ijiem minn mindu ħareġ iċ-ċirky. Jekk dan l-aħħar kellek sess mhux protett, ikkunsidra li tuża morning after pill.
Kemm jiswa ċ-ċirku vaġinali u kif nista' nikseb iċ-ċirku vaġinali f'Malta?
In-NuvaRing huwa ċirku vaġinali li jiswa madwar EUR 20-30 fix-xahar. Jekk NuvaRing mhuwiex disponibbli (jekk hu out of stock), staqsi lit-tabib tiegħek jekk hemmx ċrieki vaġinali ġeneriċi, bħal Teyla.
Iċ-ċrieki vaġinali kollha jeħtieġu riċetta tat-tabib. Peress li ċ-ċrieki vaġinali fihom ormoni, jistgħu ma jkunux adattati għalik jekk għandek ċerti kundizzjonijiet mediċi. It-tabib tiegħek jispjegalek dan f'aktar dettall. Ladarba jkollok riċetta tat-tabib tista' tixtrihom mill-ispiżerija lokali tiegħek.
Għad għandek xi mistoqsijiet dwar ċrieki vaġinali? Fittex fin-Knowledge Base (bl-Ingliż).