top of page
Search
Writer's pictureDoctors for Choice

Nesportaw il-problema: Għaliex l-abort għandu jkun provdut f'Malta

Il-legalizzazzjoni tal-abort f’Malta ma tfissirx l-introduzzjoni tal-abort f’Malta. L-abort diġà qiegħed hawn, u n-nisa Maltin diġà qed jagħmlu l-abort. Malta mhix eċċezzjoni fid-dinja. Malta mhix pajjiż fejn in-nisa m’għandhomx bżonn jagħmlu abort. Fir-realtà, Malta hija pajjiż li tesporta l-problema tal-abort tagħha lejn pajjiżi oħra.


Malta qegħdha tesporta l-problema tal-abort

Kull sena mill-inqas tliet mitt mara f’Malta jkollhom abort. Hemm bosta raġunijiet għaliex in-nisa jagħżlu l-abort, bħal meta jkunu vittmi ta’ stupru, il-fetu jinstablu difett serju, jew il-mara tiddeċiedi li issa mhux il-waqt li twelled. Minkejja l-liġi li tipprojbixxi l-abort għal kwalunkwe raġuni, dawn in-nisa f'Malta xorta jkollhom abort b'xi mod jew ieħor.


Dawk in-nisa li jkollhom imnejn, jistgħu jivvjaġġaw lejn klinika tal-abort barra l-pajjiż, iħallsu l-passaġġ tal-ajru, l-akkomodazzjoni, u l-miżata tal-klinika għal abort kirurġiku, u jkollhom abort legalment barra minn Malta. Kuntrarju għal dak li jaħsbu xi nies, abort li jsir barra mill-pajjiż huwa legali, sakemm ir-regoli tal-pajjiż fejn iseħħ l-abort jiġu mħarsa. Kull pajjiż għandu liġi tal-abort differenti, u l-liġi li tapplika hija dik tal-pajjiż fejn iseħħ l-abort.


Dawk in-nisa li mhumiex ixxurtjati biżżejjed biex jaffordjaw vjaġġ fi klinika tal-abort barra minn Malta jkollhom jużaw is-servizzi tat-telemediċina provduti minn organizzazzjonijiet bħal Women on Web, jirċievu l-pilloli tal-abort fil-posta, u jużawhom f’Malta. Dawn in-nisa, fit-teorija għall-inqas, jikkommettu reat minħabba li l-abort huwa illegali f’Malta, anke jekk l-ebda mara ma marret il-ħabs talli għamlet abort fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena.


Għalhekk mhux korrett jekk ngħidu li minħabba li l-abort huwa illegali f'Malta, l-abort mhux qed iseħħ f'Malta. L-abort qiegħed hawn, u huwa realtà. Bl-istess mod mhux korrett li ngħidu li Malta hija eżempju għad-dinja minħabba li r-rati ta' mortalità materna tagħna huma baxxi minkejja li l-abort huwa pprojbit. In-nisa f’Malta qed jagħmlu l-abort, iżda minflok jiġu megħjuna mill-istat Malti qed jiġu megħjuna minn kliniċi tal-abort barra l-pajjiż u servizzi tat-telemediċina onlajn.



L-abort diġa' qiegħed f'Malta


Il-projbizzjoni tal-abort ma twaqqafx l-abort milli jseħħ, iżda tagħmel l-abort inqas sigur, iktar għali, u aktar inkonvenjenti għan-nisa u l-bniet li għandhom bżonnu. Billi jesportaw il-problema tal-abort tagħna, billi n-nisa jivvjaġġaw lejn kliniċi tal-abort barra l-pajjiż, u jimportaw soluzzjonijiet, billi n-nisa jordnaw pilloli għall-abort online minn barra, il-politiċi tagħna qed ifallu lin-nisa f'Malta billi jagħlqu għajnejhom għall-bżonnijiet tagħhom u ma jipprovdux is-servizz li għandhom bżonn lokalment.


L-istatus quo mhu xejn ħlief inġustizzja, fejn dawk li jifilħu jħallsu jistgħu jiksbu kura ta kwalità fi klinika tal-abort barra l-pajjiż u jkollhom abort legalment, filwaqt li dawk li ma jifilħux iħallsu iridu jagħmlu abort waħedhom, fil-biża’, u possibilment jiffaċċjaw sanzjonijiet kriminali jekk jinkixfu. Wasal iż-żmien li tintemm din l-inġustizzja billi niżguraw li n-nisa u l-bniet f'Malta li għandhom bżonn l-abort jistgħu jiksbu l-kura li għandhom bżonn b'xejn u legalment f'Malta.

Comments


bottom of page