top of page
Search
Writer's pictureDoctors for Choice

Mara tqila f'Malta qed tiġi mċaħħda minn abort li jsalvalha ħajjitha - 21 Ġunju 2022




Qed nagħmlu din l-istorja pubblika fuq talba tal-pazjenta u s-sieħeb tagħha, li kienu f’kuntatt magħna matul l-aħħar jiem.

Hawn hi l-istorja:


Mara b’16-il ġimgħa tqala, ċittadina Amerikana li kienet fuq btala f’Malta, daħlet l-emerġenza fl-isptar t’ Għawdex fejn minn hemm ittieħdet l-Isptar Mater Dei wara li sofriet dik li deher bħala korriment, fejn esperjenzat ħafna demm. Ultrasound wera li kien infaqalha l-ilma u s-sekonda bdiet tinqala’ minn postha. Madankollu, l-fetu għad għandu qalbu tħabbat.


Skont il-linji gwida internazzjonali, f’każijiet bħal dawn fejn il-fetu għadu mhux vijabbli (qabel 24 ġimgħa), għandha tiġi offruta t-terminazzjoni tat-tqala (jiġifieri: abort) biex jiġi evitat ir-riskju ta’ infezzjoni u mewt tal-mara. L-infezzjoni tista’ tgħaddi għall-utru, imbagħad tivvalena d-demm tal-mara u twassal għall-mewt.


Il-pazjenta talbet li t-tqala tagħha tiġi terminata, iżda t-talba tagħha ġiet miċħuda. Qalulha li t-tobba jistgħu jintervjenu biss jekk tkun qed tmut b’mod imminenti – lanqas li jaqbadha l-infezzjoni m’hija biżżejjed. Qalulha wkoll li t-tobba lanqas biss jistgħu jiddiskutu magħha l-għażla li tagħmel abort.


Il-pazjenta issa qed tiġi mġiegħla tistenna f’Mater Dei, b’ħajjitha f’riskju. Il-familja bir-raġun hija fi stat ta’ xokk u ddisprata għal soluzzjoni. Qed tiġi ppjanata evakwazzjoni medika lejn ir-Renju Unit iżda din tista’ ma tasalx fil-ħin.


Iridu li l-istorja tagħhom issir pubblika bit-tama li tiġi evitata traġedja. Ma rridux li jkollna każ bħal ta’ Savita! Nittamaw li s-sens komun jirbaħ u din il-mara titħalla jkollha terminazzjoni qabel ma jkun tard wisq.


Smajna wkoll minn nisa Maltin li kienu f’sitwazzjonijiet simili imma beżgħu jitkellmu. Dan mhux sew.


In-nisa għandhom qalb tħabbat ukoll!


תגובות


bottom of page