Women on Web, organizzazzjoni li tipprovdi servizz tal-abort bil-pilloli remot (minn fuq l-internet), infurmatna li fl-ewwel sena tal-pandemija, jiġifieri bejn Marzu 2020 u Marzu 2021, assisstiet lil 227 mara minn Malta ikollhom abort billi tipprovdilhom bil-pirmli tal-abort.
Dan in-numru ma jinkludix in-nisa kollha li użaw pilloli tal-abort f'Malta matul dan il-perjodu. Hemm organizzazzjonijiet oħra, bħal Women Help Women, li jipprovu servizz tal-abort bil-pilloli minn fuq l-internet lil nisa f'Malta. Ikun hemm ukoll nisa li jirċiervu pilloli tal-abort minn ħbieb jew qraba barra minn Malta, u nisa li jixtru dawn il-pilloli minn sorsi moħbija f'Malta.
Servizz remot tal-abort, jissejjaħ bl-Ingliż abortion telemedicine, huwa servizz fejn mara tqila tagħmel konsultazzjoni onlajn jew fuq it-telefon ma' tobba jew nies trenjati u tirċievi l-pilloli tal-abort biex tużhom id-dar. B'hekk il-mara tevita' li jkollha żżur klinika tal-abort, u jkollha bżonn tikseb għajnuna biss f'kas li jkollha xi kumplikazzjoni.
Servizzi remoti tal-abort saru popolari waqt il-pandemija u huma essenzjali biex in-nisa jibqa' jkollhom aċċess għall-abort f'dan iż-żmien diffiċli. Restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar bejn pajjiżi għamluha aktar diffiċli biex nisa li qed jgħixu f'pajjiżi fejn l-abort huwa illegali jsiefu għal kliniki tal-abort. Anka f'pajjiżi fejn l-abort huwa illegali sar iktar diffiċli għan-nisa biex imorru fi kliniki tal-abort, minħabba lockdowns u restrizzjonijiet fuq kemm tista' ddum barra mid-dar. Għalhekk waqt il-pandemija żdiet l-interess f'servizzi remoti tal-abort, u ċertu pajjiżi biddlu l-liġijiet tagħhom biex iħallu lin-nisa jagħmlu abort f'darhom.
Riċerka ppubblikata fil-BMJ Sexual and Reproductive Health minn Dr Rebecca Gomperts u awturi oħrajn, identifikat lil Malta bħala pajjiż fejn id-domanda għall-pilloli tal-abort żdiedet b'mod konsiderevoli.
L-unika post fejn id-domanda għas-servizz ta' Women on Web naqas kienet il-Gran Brittannja, fejn il-liġijiet inbiddlu biex iħallu lin-nisa jirċievu l-pilloli tal-abort minn ġewwa l-pajjiż, u b'hekk ma kellhomx għalfejn jordnaw minn Women on Web li huma bbażati barra mill-pajjiż.
Studju (https://obgyn.onlinelibrary.wiley.com/doi/10.1111/1471-0528.16668) li ħares lejn l-impatt ta' servizzi tal-abort remoti fl-Ingilterra sab li grazzi għal dan is-servizz, id-dewmien bejn meta l-mara tiġi rreferuta għal abort u meta jkollha abort naqas b'medja ta' 4.2 ġranet. B'dan is-servizz, proporzjon akbar ta' aborti saru fl-ewwel sitt ġimgħat tqala (40% ta' aborti remoti kumparat ma 25% ta' aborti fi kliniki). Ma kien hemm l-ebda differenza fl-effikaċija u r-rata ta' kumplikazzjonijiet bejn abort li jsir id-dar u abort li jsir fi klinika. Servizzi tal-abort remoti ukoll kienu poplari ma dawk li użawhom, b'96% ta' dawk li għamlu użu mis-servizz jgħidu li sabu s-servizz tajjeb.
Nisa f'Malta li jagħmlu użu minn servizzi remoti tal-abort bħal dawk provduti minn Women on Web huma meqjusa kriminali skond il-liġi antikwata ta' Malta. M'hemm l-ebda evidenza li l-liġi kontra l-abort ta' Malta tnaqqas ir-rata tal-abort f'Malta. Fil-fatt, ir-rata tal-abort f'Malta hija probabbli simili għal dik medja fl-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, il-liġi li tikriminalizza lin-nisa li jagħmlu l-abort f'Malta tagħmel lil dawn in-nisa iktar imbeżża u tista' twaqqafhom milli jfittxu l-għajnuna jekk ikollhom xi kumplikazzjoni wara l-abort.
Minn Dr Christopher Barbara
Comments