Servizz ta' Riċetta ta' Tabib għall-Morning After Pill
F'Malta u Għawdex il-morning after pill hija disponibbli mingħajr il-ħtieġa ta' riċetta tat-tabib. Dan ifisser li għal ħafna nisa il-proċess biex jixtru l-morning after pill huwa relattivament sempliċi, li jinvolvi jżuru spiżerija, jwieġbu mistoqsijiet relatati mas-saħħa, u jixtru l-morning after pill. Madankollu, hemm sitwazzjonijiet fejn riċetta tat-tabib (prescription) għal morning after pill tista' tgħin , bħal:
- Meta l-persuna li teħtieġ il-morning after pill ma tħossiex komda twieġeb mistoqsijiet dwar saħħitha u l-attività sesswali tagħha fi spiżerija, u tippreferi tikkonsulta tabib privatament. Riċetta tat-tabib f'dan il-każ tkun prova li t-tabib diġà ddetermina li l-morning after pill hija indikata u sigura, u l-ispiżjar ma jkollux għalfejn jerġa' jistaqsi l-mistoqsijiet.
- Meta l-persuna li teħtieġ il-morning after pill tbati minn xi kundizzjonijiet li jistgħu iġegħlu l-ispiżjar jiddubita jekk tistax tingħata l-morning after pill. Riċetta tat-tabib f’dan il-każ tassigura lill-ispiżjar li tabib għamel il-kontrolli meħtieġa biex jiżgura li l-morning after pill tista’ tingħata b’mod sigur.
- Meta l-persuna li teħtieġ il-morning after pill ikollha inqas minn 18-il sena u l-ispiżjar ma jħossux komdu jbiegħ il-morning after pill lil persuni mhux adulti.
Dan huwa fejn is-Servizz ta' Riċetta tat-Tabib għall-Morning After Pill jista' jgħinek. Dan huwa servizz li permezz tiegħu tikkonsulta ma' tabib u joħorġulek riċetta għall-morning after pill. Biex tuża dan is-servizz ibda billi timla l-konsultazzjoni online u mbagħad tabib jagħmel kuntatt miegħek.
Malli noħorġulek riċetta, tista' tgħidilna biex jew nibgħatuha direttament fi spiżerija permezz ta' email, jew intuk ir-riċetta biex tużagħha fl-ispiżerija tal-għażla tiegħek. Nipprovdulek iktar dettalji dwar dan wara li timla l-konsultazzjoni.
Biex tuża dan is-servizz, imla l-konsultazzjoni online fuq morningafterpill.online
Minn dawk li jużaw dan is-servizz nitolbu ħlas ta' EUR 1, li tmur għall-manutenzjoni tal-websajt. It-tobba tagħna jmexxu dan is-servizz fuq bażi volontarja. Jekk ma tistax tħallas, jekk jogħġbok ibgħatilna email fuq map@doctorsforchoice.mt u agħti r-raġuni tiegħek, u nistgħu niddeċiedu li noffrulek is-servizz b'xejn. Jekk għandek anqas minn tmintax-il sena, m'hemmx għalfejn tħallasna. Ftakar li l-miżata ta' EUR 1 hija biss għar-riċetta tat-tabib, u ma tkoprix il-prezz tal-morning after pill.
Jekk kull ma għandek bżonn hija informazzjoni dwar il-morning after pills jew minn fejn tixtrihom, m'għandekx bżonn tuża dan is-servizz. Minflok tista' tikkuntattja lill-FPAS li jisthħu jipprovduk b'din l-informazzjoni bla ħlas. Tista' ssib ukoll informazzjoni dwar il-morning after pills fuq l-websajt tagħna hawn .