Injezzjoni Kontraċettiva
X'inhi injezzjoni kontraċettiva?
L-injezzjoni kontraċettiva, xi drabi msejħa depot, hija injezzjoni (injection) ta’ mediċina li taħdem fit-tul u li tipproteġi kontra t-tqala għal numru ta’ ġimgħat. L-injezzjonijiet li normalment jintużaw f’Malta jissejħu Depo-Provera u Sayana Press, u jdumu jaħdmu għal 13-il ġimgħa. Dan ifisser li biex tibqa' protetta kontra t-tqala tried tieħu injezzjoni kull 13-il ġimgħa.
L-injezzjoni kontraċettiva hija differenti mill-impjant minħabba li ma fihiex virga tal-plastik li tibqa' taħt il-ġilda. L-injezzjoni hija purament likwida u għalhekk ma tħoss xejn taħt il-ġilda.
Kif taħdem l-injezzjoni kontraċettiva u kemm hi effettiva?
L-injezzjoni kontraċettiva fiha ormon imsejjaħ Medroxyprogesterone, li huwa tip ta’ proġestoġen li jwaqqaf l-ovulazzjoni u għalhekk jipprevjeni t-tqala. Kull doża fiha biżżejjed mediċina biex isservi 13-il ġimgħa, u għalhekk m'għandekx għalfejn tiftakar tieħu pilloli jew tuża kondom waqt daż-żmien. L-injezzjoni kontraċettiva hija aktar minn 99% effettiva kontra t-tqala.
Effetti sekondarji (side effects) jistgħu jinkludu uġigħ ta' ras, tibdil fil-burdata (mood swings), u uġigħ jew toqol fis-sider. Il-periods jistgħu jew jieqfu jew isiru irregolari wara l-injezzjoni. L-injezzjoni ma fihiex estroġenu, u għalhekk hija adattata għal nisa li ma jistgħux jieħdu estroġenu.
Għalkemm l-effett tad-Depo-Provera jibda jonqos wara 13-il ġimgħa, f'xi każijiet il-fertilità tista' tieħu sa sena biex terġa' tiġi lura. Jekk din hija problema għalik, ikkunsidra forom oħra ta' kontraċezzjoni.
Kif tingħata injezzjoni kontraċettiva?
L-injezzjoni kontraċettiva tingħata bħala injezzjoni taħt il-ġilda jew ġol-muskolu, jew fl-ispalla, jew fil-ġilda taż-żaqq, jew fil-koxxa, jew fir-reġjun gluteali (madwar il-patata).
Jekk l-ewwel injezzjoni tingħata fi żmien 5 ijiem minn meta jibda l-period, tkun protetta kontra t-tqala mill-ewwel. Jekk jingħata fi kwalunkwe ħin ieħor, tista' tieħu sa 7 ijiem biex tibda taħdem u għalhekk għandek tuża kondoms matul dan iż-żmien.
Wara 13-il ġimgħa, jkollok bżonn doża oħra biex tkompli tibqa' protetta kontra t-tqala.
Kif titneħħa?
L-injezzjoni hija f'forma likwida u għalhekk ma tistax titneħħa wara li tiddaħħal. Jekk tesperjenza effetti sekondarji jew tixtieq tinqabad tqila, ikollok tistenna sakemm l-effetti tal-injezzjoni imajnu.
Kemm tiswa u kif nieħu l-injezzjoni kontraċettiva f’Malta?
F'Malta d-Depo-Provera , li hija injezzjoni li sservi għal 13-il ġimgħa, tiswa madwar EUR 50. Din l-injezzjoni trid tingħata minn tabib, għalhekk ikollok bżonn tħallas ukoll il-miżati tat-tabib u l-miżati tal-klinika.
Sayana Press hija injezzjoni simili għal Depo-Provera, u hija disponibbli wkoll f'Malta. Din isservi wkoll għal 13-il ġimgħa u tiswa madwar EUR 50. Il-vantaġġ ewlieni ta’ Sayana Press fuq Depo-Provera huwa li tista’ tinjetta is-Sayana Press fik innifsek id-dar. Xorta jkollok bżonn tara tabib biex tikseb riċetta għal Sayana Press u tintwera kif tużaha.
Depo-Provera u Sayana Press fihom l-istess ingredjent attiv: ormon imsejjaħ Medroxyprogesterone, u għalhekk għandhom tendenza li jkollhom l-istess side effects. Injezzjonijiet kontraċettivi kkombinati kemm b'estroġenu kif ukoll bi proġestoġen mhumiex disponibbli f'Malta.
Tista' tikseb l-injezzjoni kontraċettiva fi kliniċi privati tal-ġinekoloġija, bħall-Isptar St James. Mhux kull ġinekologu jagħmel l-injezzjonijiet kontraċettivi, għalhekk kun żgur li tiċċekkja magħhom qabel ma tibbukkja l-appuntament. Sfortunatament, l-injezzjoni kontraċettiva mhix disponibbli mis-servizz tas-saħħa pubblika, u trid titħallas privatament.