top of page

Implant

Huwa faċli tipproteġi lilek innifsek mit-tqala b'implant. Ma jkollokx għalfejn tiftakar tieħu pilloli jew tuża kondoms ladaba jkollok implant. Dan il-kontraċettiv jista' jintuża biss min-nisa.

X'inhu?

L-implant huwa biċċa plastik bil-mediċina fuqha ta' madwar 4ċm tul u 2mm ħxuna li titpoġġa taħt il-ġilda. L-implant fih il-hormone progesterone li jwaqqaf il-bajda tal-mara milli toħroġ kull xahar, u għalhekk il-mara ma tistax tinqabad tqila. Il-hormone jibdel ukoll l-għonq ta' l-utru biex jagħmilha iktar diffiċli għal-isperma tar-raġel titla' 'l fuq.

Għalkemm l-ebda kontraċettiv m'huwa perfett, l-implant huwa iktar minn 99% effettiv kontra t-tqala, u għalhekk huwa wieħed mill-aħjar kontraċettivi li jeżistu.

L-Implanon NXT huwa implant disponibbli f'Malta.

Kif jiddaħħal l-implant?

L-implant jiddaħħal fi klika tat-tabib waqt proċedura żgħira. It-tabib l-ewwel itik ftit loppju lokali taħt il-ġilda, imbgħad idaħħal l-implant taħt il-ġilda, normalment fuq in-naħa ta' ġewwa ta' idek ta' fuq. Tista' tħoss ftit uġieħ imma dan ma jdumx.

Wara li jiddaħħal tkun tista tħoss l-implant taħt il-ġilda imma ma tħossx uġieħ. Hija idea tajba li kultant thoss l-implant biex tara li għadu postu. Jekk taħseb li qed jiċċaqlaq wisq, jew ma tkunx tista' tħossu, kellem lit-tabib.

Jekk l-implant jiddaħħal fl-istess żmien li jiġik period, jew jekk tkun fuq il-pill fl-istess ġurnata li tieħu l-aħħar pill ta' pakkett, dan ikun effettiv mil-ewwel. Jekk jiddaħħal fi żmien ieħor għandek tuża kondoms għal ftit ġimgħat sakemm jibda jaħdem.

Kif jitneħħa l-implant?

L-implants iservu bejn sitt xhur u tliet snin; dawk li jinstabu Malta iservu għal tliet snin.

Il-proċedura biex jitneħħa hija simili ħafna għal dik biex jiddaħħal. L-ewwel tingħata ftit loppju lokali taħt il-ġilda, imbgħad it-tabib jagħmel qasma żgħira u joħroġ l-implant.

Wara li jitneħħa l-implant, il-fertilita' tal-mara terġa tiġi lura mil-ewwel. Għalhekk, huwa importanti li jiddaħħal implant ieħor minnufieh jew li l-mara tibda tuża kontraċettiv ieħor jekk din ma tridx tinqabad tqila.

Ara dan il-video li juri implant jiddaħħal u jitneħħa:

X'inhuma l-vantaġġi tal-implant?

Dan il-kontraċettiv huwa ideali għal nisa li ma jistgħux jużaw kontraċettivi bbażati fuq oestrogen, għaliex l-implant jaħdem b'hormone ieħor jissejjaħ progesterone.

Il-periods sikwit isiru iktar ħfief waqt li jkollok implant. Huwa normali li l-periods jieqfu wara xi sena fuq l-implant. Dan ma jfissirx li ħriġt tqila.

M'għandekx għalfejn tiftakar tuża dan il-kontraċettiv, u ma jaffetwax is-sess.

Jekk fil-futur tkun tixtieq tinqabad tqila, l-implant jista' jitneħħa meta trid u l-fertilita' terġa tiġi minnufih.​

X'inhuma l-iżvantaġġi?

L-implant jirrikjedi proċedura żgħira biex jiddaħħal u jitneħħa. Huma importanti li tiftakar tibdlu meta jiskadi inkella jkun hemm riskju ta' tqala.

Dan il-kontraċettiv ma jipproteġix kontra mard trasmess mis-sess. Il-kondoms biss joffru protezzjoni kontra dan il-mard.

Għal l-ewwel ftit xhur wara li jiddaħħal, ċertu nisa jesperjenzaw nefħa (bloating), uġieħ fis-sider, jew ponot fuq il-wiċċ (acne). Dawn normalment jitilqu waħedhom. Ċertu nisa ukoll jesperjenzaw ftit żliġ ta' demm bejn il-periods (spotting).

Nisa li għandhom mard serju tal-fwied, li kellhom jew għandhom kanċer tas-sider, jew li kellhom mard taċ-ċirkolazzjoni bħal attakki ta' qalb jew puplesija, ma jistgħux jużaw dan il-kontraċettiv.  L-implant ukoll ma jistax jintuża jekk hemm ċans li diġa' int tqila. Dejjem tkellem mat-tabib u għidilhom il-kundizzjonijiet tiegħek kollha qabel tiddeċiedi li tagħżel l-implant.

Kemm tqum, u kif nista' nagħmel implant f'Malta?

F'Malta l-Implanon NXT, li hija implant li sservi tliet snin, tqum madwar 185 EUR. Dan ma jinkludix l-ispejjeż tal-klinika u tat-tabib.

L-impjant jiġi mdaħħal, mneħħi, jew mibdul fi kliniċi privati ​​tal-ġinekoloġija, bħall-Isptar St James. Mhux kull ġinekologu jagħmel l-impjanti, allura kun żgur li tiċċekkja jistgħux jaqduk qabel ma tibbukkja l-appuntament. Sfortunatament, l-impjant mhux disponibbli mis-servizz tas-saħħa pubblika, u irid jitħallas mil-but.

Implanon NXT

Għad għandek xi mistoqsijiet dwar impjanti kontraċettivi? Fittex fin-Knowledge Base (bl-Ingliż).

bottom of page